Koppja magħrufa fl-Awstralja għadhom kemm tellgħu filmati ta’ vaganza tagħhom f’pajjiżna fejn faħħru s-sbuħija li sabu tistennihom f’din l-ewwel darba li kienu hawn.
Ix-xeni tagħhom iduru u jgawdu s-sajf Malti fuq il-profili personali tat-tnejn fuq il-pjattaforma TikTok, fejn diġà rawhom mat-tliet mitt elf ammiratur, servew b’mod awtomatiku għal reklam għal pajjiżna, li qed igawdi mill-aħjar riżultati turistiċi fl-istorja nazzjonali.
L-Awstraljana Jessie Rennee Wynter ta’ seba’ u għoxrin sena u l-għarus Britanniku tagħha ta’ ħamsa u għoxrin sena, Will Young, magħruf aktar bħala Farmer Will, saru popolari partikolarment fl-Awstralja fejn ħadu sehem f’edizzjonijiet separati tal-programm televiżiv ‘Love Island’.
Il-filmati minn Wynter u Will juruhom fostna jgawdu x-xenarji f’diversi nħawi, li jiddistingwu lil pajjiżna, waqt li wkoll attendew il-Ħamis nhar Santa Marija għall-avveniment mużikali tant mistenni ta’ SummerDaze fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, li jattira eluf kbar lejh, inkluż barranin.
Fil-kummenti tagħhom, huma qalu li Malta hi waħda mill-aqwa destinazzjonijiet li wieħed għandu jżur fis-sajf u anke matul is-sena kollha.
Fil-Belt kapitali Maltija l-koppja semmiet l-ikel bnin u tipiku li daqu u, waqt li gawdew il-klima staġjonali, baqgħu impressjonati l-iżjed bis-sbuħija tal-Bajja tal-Blue Lagoon f’Kemmuna, waqt dawra fil-post abbord jott.
Fid-deskrizzjoni tal-filmati tagħhom, Wynter u Will qalu li sabu mħabba ġdida f’ħajjithom, bl-isem ta’ Malta.
Fl-aħħar jiem ukoll ġie rrapportat minn ONE kif koppja oħra famuża, magħmula mill-kantant tal-band The Wanted, Max George, u l-maħbuba tiegħu, l-attriċi Maisie Smith, li tieħu sehem fis-serje tal-BBC, ‘Eastenders’, iddeskrivew il-vaganza f’pajjiżna daqslikieku qegħdin fuq sett ta’ xi film.