Min-nhar is-Sibt li ġej, mal-ħamsa u erbgħin elf pensjonant se jibdew jirċievu l-għotja tal-anzjani ta’ l’ fuq minn 75 sena u li għadhom jgħixu fil-komunità, l-għotja lill-anzjani li jgħixu wkoll f’residenzi tal-anzjani privati u żieda fil-bonus għal min ma ħallasx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifika għall-pensjoni.
Din tal-aħħar se tibda tingħata wkoll lill-anzjani li għandhom il’ fuq minn 75 sena. Dan wara li f’Jannar bdew jingħataw pagamenti ta’ diversi miżuri oħra kif imħabbra fil-baġit għal din is-sena.
Il-Ministru għall-familja u s-solidarjetà soċjali Michael Falzon stqarr li minn din is-sena dawk l-anzjani li jikkwalifikaw biex jieħdu ż-żewġ għotijiet issa se jkunu jistgħu jibbenefikaw minnhom it-tnejn.
“L-iktar waħda li forsi se tagħmel differenza għal ċertu numru ta’ nies, huma dawk in-nies illi jieħdu is-somma ta’ għaliex ma kellhomx biżżejjed bolli, u li qabel dik kienet tieqaf ma’ 75 sena, issa bid-differenza li dak li jkun se jibqa’ joħodha dik dejjem u se jieħu wkoll l-għotja ta’ għaliex għandu aktar minn 75 sena. Effetivament fil-but ta’ dik il-faxxa ta’ nies tfisser iż-żieda ta’ 400 ewro fis-sena.”
Min-nhar is-Sibt ukoll l-anzjani li jgħixu f’residenzi tal-anzjani privati se jirċievu l-għotja tal-anzjani li tingħata lill-persuni li għandhom iktar minn 75 sena u għadhom jgħixu fil-komunità.
Dan filwaqt li madwar sbatax-il elf anzjan li għandhom ‘il fuq minn 75 sena ingħataw żieda ta’ 50 ewro kif imħabbar fl-aħħar baġit.
Il-Ministru spjega kif dawk li se jagħlqu 80 sena matul din is-sena jitħallsu pro-rata biex b’hekk in-nefqa totali hija ta’ aktar minn għaxar miljun u tliet mitt elf ewro.
Michael Falzon spjega wkoll kif minn nhar is-Sibt ukoll se tibda tingħata żieda fil-bonus lil min ma ħallasx biżżejjed kontribuzzjonijiet biex jikkwalifika għal pensjoni. Dan filwaqt li din se tibda tingħata wkoll lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 75 sena. Total ta’ elf mija u għoxrin anzjan ġdid se jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura.
Il-Ministru Falzon innota kif fuq medda ta’ sitt snin żdiedet in-nefqa soċjali fost l-anzjani biex b’hekk il-Gvern mhux biss saħħaħ il-pensjonijiet iżda ma tefa’ l-ebda piż fuq l-anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis, stqarr kif dawn il-miżuri tal-Budget qed iħallu effett tanġibbli fil-ħajja tal-anzjani Maltin.
“L-anzjani tagħna għandhom ikunu prijoritá u huma prijoritá fil-ħidma tal-Gvern u b’dawn il-miżuri li qiegħdin jitħabbru fil-Budget se nkomplu ntejbu l-istandard fil-ħajja tal-anzjani tagħna.”
Dan filwaqt li temm jgħid kif se tkun waħda mill-għanijiet tal-ħidma tiegħu sabiex l-anzjani jkunu mgħarrfa sew b’liema miżuri huma jistgħu jibbenefikaw.