Fit-12 ta’ Lulju, l-opinjoni tal-MPE Alex Agius Saliba (S&D) dwar il-proposta leġiżlattiva għal Direttiva dwar ir-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi ġiet adottata mill-Membri tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tal-Parlament Ewropew, b’41 vot favur, tliet astensjonijiet, u vot wieħed kontra.
Wara dan ir-riżultat pożittiv, il-MPE Agius Saliba laqa’ l-appoġġ tal-kollegi tiegħu u tal-gruppi politiċi. Huwa qal li r-regoli attwali tal-UE li jipproteġu l-elettriku, l-ilma, it-trasport u s-servizzi tal-kura tas-saħħa mhumiex qed jaħdmu kif suppost u li dawn is-setturi ewlenin jaffettwaw l-għajxien kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji.
Agius Saliba qal li t-theddid u l-inċidenti ġodda jevolvu malajr, b’konsegwenzi devastanti għan-nies u għall-ekonomija ta’ kwalunkwe pajjiż, u huwa għalhekk li r-regoli attwali jeħtieġ li jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtajiet u t-theddid ġodda fl-UE u globalment.
Huwa nnota wkoll li l-pressjoni fuq is-settur tas-saħħa minħabba l-pandemija tal-COVID-19, pereżempju, irriżultat f’miżuri madwar l-UE li jillimitaw il-mobbiltà li kellhom impatt fuq l-operaturi tat-trasport u setturi oħra bħall-agrikoltura, it-turiżmu, l-ivvjaġġar, l-elettriku, u n-netwerks tal-Internet.
Fl-istess jum, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvotaw ukoll fuq opinjoni oħra tal-MPE Agius Saliba, li testendi r-regoli attwali li jabolixxu t-tariffi tar-roaming fl-UE. L-MPE Agius Saliba huwa n-negozjatur tal-S&D u x-shadow rapporteur għall-opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, li ġiet approvata b’maġġoranza assoluta ta’ 45 vot favur.
Ir-Regolament li jabolixxi t-tariffi tar-roaming fl-2017 kien żvilupp importanti ħafna għall-konsumaturi, u kien hemm qbil ġenerali li dawn ir-regoli għandhom ikomplu, madankollu, sakemm ma jiġux riveduti, dawn ir-regoli se jiskadu f’Ġunju 2022.
L-MPE Agius Saliba ddeskriva dan il-vot tal-IMCO bħala rebħa għall-konsumaturi, peress li dan huwa pass lejn l-estensjoni tal-benefiċċji skont ir-regoli attwali. Madankollu, ix-shadow rapporteur tal-S&D innota wkoll li r-reviżjoni attwali hija wkoll opportunità biex jiġi vvalutat x’ħadem u x’jista’ jittejjeb, u qal li f’dan ir-rigward, huwa ħadem sabiex jiġu ndirizzati xi nuqqasijiet li ġew identifikati.