L-Awtoritá tal-Ippjanar ikkonfermat li żewġ operaturi tal-fish farms minn erba’, irrispettaw il-ftehim li sar ta’ kif u meta kellhom ineħħu l-gaġġeġ. Iż-żewġ operaturi, Malta Fish Farming Ltd u Malta Mariculture Ltd, neħħew żewġ gaġġeġ ta’ 20 metru, kif ukoll żewġ gaġġeġ oħra ta’ 50 metru rispettivament.
Operatur ieħor, Fish&Fish Ltd, battal il-gaġġeġ iżda qed jistenna d-Dipartiment tas-sajd biex jindika post ġdid għal gaġġeġ.
Ix-xahar li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar irrevokat l-permessi ta’erba’ operaturi tal-fish farms, wara li l-operat tagħhom kien kontra l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Awtoritá tal-Ippjanar u li rriżulta f’impatt negattiv ambjentali.
Fi stqarrija, l-Awtoritá spjegat li l-operaturi għandhom sat-31 ta’ Diċembru biex jirrelokaw l-istrutturi tat-tonn u l-operat tagħhom f’żona approvata fin-Nofsinhar ta’ Malta.
Fil-jiem li ġejjin, l-Awtorita se tkun qed tkompli bil-monitoraġġ tagħha biex tassigura li l-operaturi jżommu mal-qbil miftiehem biex issir ir-rilokazzjoni tal-fish farms fiż-żmien stipulat. L-Awtoritá fissret li se tkun qed tirriserva d-dritt li tipproċedi b’azzjoni diretta jekk ikun hemm il-bżonn.