Żewġ nisa, li kienu qed jivvjaġġaw f’vettura fi Triq Ħal Far, qrib il-Freeport, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, kellhom jiddaħħlu l-Isptar Mater Dei għall-kura, b’waħda minnhom issofri minn ġrieħi gravi, wara li kienu involuti f’ħabta ma’ vann, li kien qed jinstab minn raġel.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6:15 ta’ filgħaxija, meta l-Pulizija ġiet informata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha kawża tal-ħabta.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk irriżulta li kien seħħ aċċident bejn il-vettura misjuqa minn mara ta’ 34 sena residenti s-Siġġiewi u vann Ford Transit misjuq minn Grieg ta’ 22 sena residenti Wied il-Għajn. Passiġġiera fil-vettura mal-maraa kien hemm ukoll mara ta’ 56 sena residenti l-Birgu.
Iż-żewġ nisa ngħataw l-assistenza minn tim mediku fuq il-post u ttieħdu l-Isptar b’ambulanza. Aktar tard, il-passiġġiera ġiet iċċertifikata bi ġrieħi ħfief filwaqt li s-sewwieqa qed isofri minn ġrieħi gravi.
ONE News hu informat li parti żgħira tat-triq, fejn seħħ il-każ, inżammet magħluqa sa tard filgħaxija, sakemm kienet stabbilita l-kundizzjoni tal-persuni fl-Isptar, waqt li vetturi oħrajn bdew jiġu ggwidati għal devjazzjoni fil-qrib.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.