Żewġ nisa ġew ikkundannati l-ħabs wara li f’żewġ każi separati, instabu ħatja ta’ traffikar ta’ droga.
Il-Pulizija bdiet issegwi lil Maria Concetta Vella, waħda mill-akkużati, wara overdose li seta’ kien fatali fil-Fonata, Għawdex, fl-2011. Dan filwaqt li Dorothy Refalo, l-akkużata l-oħra, kienet arrestata fl-2016 wara li l-Pulizija rawha titfa’ boroż mimlija eroina barra mill-karozza tagħha.
Il-Maġristrat Joe Mifsud qal li dawn huma reati serji, u li t-traffikar tad-droga jipperikola s-soċjetajiet tagħna.
Vella nstabet ħatja li ttraffikat l-eroina f’Ġunju 2011, u li kienet riċediva. Hija ntbagħtet 4 snin ħabs u kienet immultata €2,500, filwaqt li kienet ordnata tħallas ukoll somma ta’ €1,200.
Refalo ġiet ikkundannata 16-il xahar priġunerija u multa ta’ €1,000 wara li nstabet ħatja li kellha d-droga eroina fil-pussess tagħha, u li kienet riċediva. Il-Qorti ordnat ukoll li din tingħata trattament għall-problema li għandha bid-droga.
Il-Qorti wriet tħassib serju dwar il-problema ta’ droga li kull ma jmur qed tiżdied, u qed tipperikola b’mod partikolari liż-żgħażagħ. Il-Maġistrat Mifsud appella lill-membri tal-midja sabiex ma jintervjenux fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dawn it-tip ta’ każi, jew jitfgħu dawl fuq kif isiru dawn it-tip ta’ investigazzjonijiet.