F’żewġ każijiet differenti, żewġ nisa nżammu taħt arrest b’rabta ma’ inċidenti separati li seħħew il-Ħadd li għadda u li fihom irreżistew bil-vjolenza lil uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jarrestawhom.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, Zsanett Balzan ta’ 26 sena, Ungeriża li toqgħod l-Imġarr, wieġbet li mhix ħatja tal-akkużi li kienet xurbana f’post pubbliku f’San Pawl il-Baħar u li ma kinitx f’qagħda li tieħu ħsieb tagħha nfisha, li ma obdietx l-ordnijiet leġittimi tal-pulizija, li rreżistiethom b’mod vjolenti, li insultathom u ħebbet għalihom, li weġġgħathom ħafif, li kisret il-paċi pubblika kif ukoll li kisret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’każ preċedenti.
Il-Maġistrat ċaħdet it-talba mill-ħelsien mill-arrest u argumentat li l-fatt li Balzan diġà kienet fuq libertà kundizzjonali u kienet instabet ħatja ta’akkużi simili fl-2020 ma jserraħx moħħ il-Qorti li kapaċi tirrispetta l-kundizzjonjiet kieku kellha tingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-mara l-oħra, Marta Lavorcaia, ta’ 33 sena mill-Moldova, ġiet akużata li, fir-residenza tal-eks sieħeb tagħha, irreżistiet b’mod vjolenti lil uffiċjali tal-Pulizija, filwaqt li heddithom waqt li kienu qed iwettqu dmirijiethom u ma obdietx l-ordnijiet leġittimi tagħhom. Ġiet akkużata wkoll li weġġgħet ħafif lil pulizija mara, li kisret il-paċi, u li kisret ukoll ordni ta’ probation.
Hija ma tatx indirizz lill-Pulizija, iżda qaltilhom biss li kienet għadha kif ġarret lejn Ħaż-Żebbuġ.
Għall-ewwel Lavorscaia ammettiet il-ħstija iżda wara qalet li mhux ħatja wara li l-Maġistrat għarrfitha li setgħet taffaċċja sa sentejn ħabs fuq tlieta mill-akkużi flimkien ma’ bejn €4,000 u €10,000 multa.
Wara li kkunsidrat iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, il-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi u l-kundanni li ngħatawlha fil-passat.
Ritratt: istock