Żewġ nisa minn Spanja ammettew li serqu disa’ mitt ewro minn ġo handbag mitluf fl-ajruport.
Iż-żewġ nisa, ta’ tlieta u ħamsin sena, ġew akkużati li serqu flus kontanti minn ġo basket li kien fit-toilets tan-nisa fis-sala tal-wasliet tal-ajruport.
Fil-Qorti ġie spjegat kif ilbieraħ daħal rapport mingħand passiġġiera Torka li ħalliet il-basket fit-toilets u meta marret għalih, ma kienx fil-post fejn ħallietu. Meta sabitu, sabet disa’ mitt ewro neqsin.
Il-Pulizija fl-ajruport aġixxew mill-ewwel u identifikaw liż-żewġ akkużati minn filmati tal-kameras tas-sigurtà.
In-nisa ġew arrestati waqt li kienu għadhom fl-ajruport, u kellhom erba’ mija u ħamsin ewro kull wieħed.
Iż-żewġ nisa wieġbu ħatja għal serq aggravat u taw il-flus lura lill-mara.
Il-Qorti tat sentenza ta’ tnax-il xahar ħabs, sospiżi għal sentejn.