Żewġ nisa ta’ tmintax u disgħa u għoxrin sena mill-Venezwela ġew arrestati fil-mitjar Malti wara li nstabu b’erba’ kilogrammi droga suspettata kokaina.
Dan wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, il-Pulizija fl-Ajruport Internazzjonali u d-Dipartiment tad-Dwana.
Dan il-każ seħħ ilbieraħ wara li ż-żewġ nisa waslu Malta b’titjira minn Madrid.
Minħabba li ma kinux qegħdin jikkoperaw intalbet l-assistenza tal-Pulizija tal-Ajruport u s-suspett fihom kiber, hekk kif kelb tad-Dwana beda jindika xi ħaġa suspettuża.
Huma ġew arrestati, hekk kif saret tfittxija u fuqhom instabet id-droga kokaina, b’valur ta’ madwar erba’ mitt elf ewro.
Il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke ħatret inkjesta u ż-żewġ nisa mistennija jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.