Għall-ħabta tas-2:30 ta’ waranofsinhar żewġ sewwieqa ta’ mutur skidjaw fi Triq il-Kosta n-Naxxar, waqt li numru ta’ muturi kienu qed isuqu fid-direzzjoni ta’ San Ġiljan.
Jidher li dawn skidjaw fuq diesel li kien għadu kemm ħareġ minn Jeep.
Raġel ta’ 59 sena, minn Ħaż-Żabbar, li kien qed isuq mutur tat-tip Kawasaki Ninja ttieħed l-isptar wara li sofra ġrieħi gravi.
Is-sewwieq l-ieħor, raġel ta’ tlieta u ħamsin sena mill-Gudja li kien qed isuq mutur tat-tip Yamaha, ma sofra l-ebda ġrieħi.
Minbarra l-Pulizija, fuq il-post marru wkoll membri tal-Protezzjoni Ċivili biex jitfgħu r-ramel fuq il-fjuwil.