Sewwieq ta’ mutur ta’ wieħed u ħamsin sena minn Tas-Sliema jinsab fil-periklu tal-mewt u ieħor ndarab gravi wara li aktar kmieni dalgħodu kienu involuti f’inċident ma’ mutur ieħor.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tmienja neqsin għoxrin fi Triq Mikiel Anton Vassalli f’San Ġiljan qrib il-mini ta’ Paceville, meta mutur tat-tip Yamaha misjuq minn raġel ta’ disgħa u erbgħin sena min-Naxxar, kellu impatt ma’ mutur tat-tip Honda misjuq minn raġel ta’ wieħed u ħamsin sena minn Tas-Sliema.
Fuq il-post issejħet l-assistenza medika u ż-żewġ sewwieqa ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Ir-raġel ta’ wieħed u ħamsin sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi tant li jinsab f’qagħda kritika filwaqt li l-kundizzjoni medika tax-xufier l-ieħor hi waħda gravi.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Francesco Depasquale, li ħatar diversi esperti biex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.