Maż-żewġ miljun flixkun tal-plastik se jkunu qed jiġu ffrankati, grazzi għall-inizjattiva tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Dan hekk kif ġew installati mijiet ta’ dispensers tal-ilma f’postijiet differenti, bħal skejjel pubbliċi u l-Isptar Mater Dei.
Sa issa, diġà ġew installati ’l fuq minn 300 dispenser, filwaqt li huwa mistenni li sal-aħħar tas-sena jiġu installati 210 water dispensers oħra.
B’kollox, fl-Isptar Mater Dei ġew installati 115 il-dispenser għall-użu tal-pubbliku b’xejn, filwaqt li huwa stmat li minn Mater Dei biss ġew iffrankati ’l fuq minn 711,000 flixkun tal-plastik.
Il-water dispensers jaħdmu b’mod awtomatiku, billi wieħed ipoġġi flixkun fid-dispenser u dan jimtela’ waħdu bl-ilma. Għaldaqstant jitnaqqas ir-riskju ta’ tixrid ta’ mikrobi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia qal li dan il-proġett huwa parti minn sensiela ta’ proġetti li qed tagħmel il-Korporazzjoni biex tkompli toffri servizz ta’ kwalità lill-konsumatur, filwaqt li tkompli ittejjeb il-kwalità tal-ilma tal-vit madwar il-gżejjer Maltin.
Qal, “Permezz ta’ dan il-proġett, it-tfal tagħna qed jitrawmu bil-battalja tagħna kontra single use plastic, fl-istess waqt qed niżguraw li b’mod sempliċi ħafna t-tfal jagħmlu użu tajjeb mill-ilma tagħna”.
Filwaqt li faħħret din l-inizjattiva, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat li permezz ta dawn il-water dispensers, se jkun qed jiġi offrut ilma ta’ kwalità għolja filwaqt li qed jiġi mħeġġeġ l-użu ta’ fliexken tal-ilma li jistgħu jerġgħu jiġu wżati.
Qalet, “Il-ħsieb ta’ din l-inizjattiva huwa li nrawmu liż-żgħar tagħna, sa minn età żgħira, biex jużawx fliexken tal-plastik, u biex ma jarmux dawn il-fliexken tal-plastik. Għalhekk, permezz ta’ dawn id-dispensers fl-iskejjel, permezz tal-inizjattiva tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. qed naraw aktar u aktar skejjel ikollhom aktar minn dawn id-dispensers.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima qal li dan il-proġett se jkun ta’ benefiċċju għal aktar minn tlieta u tletin elf student li jattendu l-mija u għaxar skejjel madwar Malta u Għawdex.