Minn għada mill-ġdid se tkun qed titqassam il-mediċina 5-FU għall-pazjenti morda bil-kanċer, wara li ċirkostanzi dinjin bħall-gwerra fl-Ukrajna qed ixekklu l-aċċess għal din il-mediċina minħabba li s-sistema ta’ loġistika qed taffaċċja sfidi kbar.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet parlamentari, l-Erbgħa filgħaxija.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li dawn iċ-ċirkostanzi wasslu għan-nuqqas ta’ żewġ mediċini importanti għal pazjenti morda bil-fwied u l-kanċer rispettivament – Ir-Rifaximin u l-5-FU. Dan filwaqt li frott anke ħidma interministerjali dawn issa jinsabu disponibbli għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.
“Però għamilna ħilitna mmedjatament, ir-Rifaximin ġiet Malta Friday tal-ġimgħa li għaddiet u issa qiegħda għand l-ispiżeriji tal-Gvern u qed titqassam lill-pazjenti u l-5-FU waslet Malta llum u minn għada tkun qiegħda l-isptar tal-Onkoloġija biex il-pazjenti jieħdu din il-kura.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll kif minkejja dawn id-diffikultajiet, pajjiżna huwa fost l-inqas milqut minn nuqqas ta’ aċċess għall-mediċini. Dan frott ħidma u deċiżjonijiet bilgħaqal mill-awtoritajiet xprunati mill-iżviluppi ta’ Brexit.
“Minħabba l-Brexit għax aħna ħafna mill-mediċini nġibuhom mill-Ingilterra, konnha nafu li ladarba l-Ingilterra ma tibqax fl-UE, ħa jkollna iżjed diffikulta biex insibu l-mediċini allura konnha għamilna stockpile tal-mediċini kollha importanti ta’ 6 xhur u dik l-istockpile żammejniha u allura l-iskarzezza hija ħafna inqas.”
Madankollu fuq dan is-suġġett, id-Deputat Prim Ministru nnota wkoll kif qed jiġu għall-attenzjoni, istanzi ta’ abbuż f’dak li huwa tendering tal-mediċini mill-aġent għad-detriment tal-pazjenti.
Fuq dan ir-rigward huwa qal hekk.
“L-aġent tal-mediċina li jġib il-mediċina Malta, mhuwiex jittenderja għall-kuntratti tal-Gvern, qiegħed iħalli li l-mediċina tiġi skarsa minn naħa tal-Gvern, imma umbagħad jbiegħa fil-privat biex il-pazjenti jkollhom jixtruha mill-privat għax ovjament mill-privat il-profit margin huwa ogħla. Din għalija hija ħasra. Din għalija ma hijiex xi ħaġa ġusta.”
Intant, id-Deputat Prim Ministru ta wkoll rendikont tal-ħidma tal-Gvern f’dak li għandu x’jaqsam l-introduzzjoni ta’ mediċini ġodda fil-formularju tal-Gvern.
Impenn li kkaratterizza l-ħidma ta’ Gvern Laburista sa minn saħanstira 9 snin ilu u li ta’ kull sena baqa’ jiġi msaħħaħ.
“Matul dawn l-aħħar 9 snin li jien ili l-ewwel Segretarju Parlamentari umbagħad Ministru, daħħalna mal-100 mediċina ġdida fuq il-formularju tal-Gvern. Xi kwart minnhom mediċini ġodda għall-kanċer, għax għall-kanċer dejjem joħorġu mediċini ġodda li jagħtu riżultati aħjar allura tajjeb li ndaħħluhom, daħħalna mediċini oħrajn għal mard respiratorju, mard tal-qalb, prattikament għall-kundizzjonjiet kollha.