Żewġ persuni ta’ nazzjonalità Maltija ġew miżmumin għal xi ħin fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li, bħala miżura ta’ sigurtà, tniżżlu minn fuq titjira destinata għal Katanja.
Huma kienu għadhom kemm rikbu l-ajruplan tal-Air Malta fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, meta nqalgħet kommossjoni mal-ekwipaġġ tal-linja nazzjonali tal-ajru.
Minn tagħrif, li għandu ONE News, jirriżulta li ż-żewġ persuni bdew jaġixxu ħażin ftit qabel it-tluq minħabba sakra li allegatement kienu fiha.
Bħala prekawzjoni, il-bdot tal-ajruplan ordna liż-żewġ passiġġieri biex jitniżżlu minn fuq it-titjira. L-inċident wassal biex it-titjira KM 3642 b’aktar minn mitt passiġġier spiċċat tittardja.
Mhux magħruf jekk hux se jittieħdu passi ulterjuri f’dan ir-rigward.