Żewġ żgħażagħ Maltin ta’ 22 u 30 sena qed jiġu investigati wara li nqabdu fil-fatt jinjettaw likwidu fid-drip tan-nannu tagħhom, li attwalment jinsab rikoverat f’waħda mis-swali tal-Isptar Mater Dei. Għalkemm għadu mhux ċar x’kienet l-intenzjoni tagħhom, f’dan l-istadju mhu qed jiġi eskluż xejn, inkluż li jpoġġulu ħajtu f’riskju.
Jirriżulta lil ONE News li l-anzjan igawdi minn ġid kbir.
Waqt li m’aħniex informati x’tip ta’ likwidu kien, sorsi differenti, li tkellmu ma’ ONE News, semmew numru ta’ varjazzjonijiet minn ilma sa mediċina. Iż-żgħażagħ, li kienu ħadu s-siringa magħhom l-Isptar, aktarx argumentaw waqt l-investigazzjonijiet li injettawlu fil-vina tal-qarib tagħhom “ilma għax rawh bil-għatx” jew “mediċina li kien jieħu d-dar” biex itaffulu mit-tbatijiet.
Minkejja dan, jirriżulta li l-likwidu ma kellu l-ebda effett fuq saħħet l-anzjan.
Mistoqsijiet ta’ ONE News lill-Korp tal-Pulizija dwar jekk kienx irrapportat xi każ ta’ attentat fuq il-ħajja ta’ xi pazjent fl-Isptar Mater Dei baqgħu mhux imwieġba.
Sadanittant jirriżulta li l-anzjan qed ikun mgħasses minn uffiċjali tas-sigurtà, iżda sorsi qrib il-Pulizija qalu li dan m’għandux rabta mal-inċident li jinvolvi lin-neputijiet tiegħu, iżda għax hu kien qiegħed jaġixxi b’mod aggressiv fil-konfront tal-infermieri u l-ħaddiema tal-Isptar.
Waqt li nifhmu li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, ONE News hu informat li ż-żewġ żgħażagħ xorta se jispiċċaw imħarrkin fil-Qorti. U dan b’akkużi li għamluha ta’ ħaddiema tas-servizzi tas-saħħa, xi ħaġa li hi meqjusa bħala reat minuri skont liġi antika, li tirregola l-attività fl-istituzzjonijiet mediċi fil-pajjiż.