Il-kunċert ta’ Robbie Williams, offra serata indimentikabbli għal kull min attenda, iżda aktar u aktar għal Daniel Mangion u Priscilla Dimech, li huma ammiraturi kbar ta’ Williams.
Dan għaliex Williams, li hu magħruf għall-mod kif jinteraġġixxi mal-udjenza, għamel liż-żewġ ammiraturi l-istilel tas-serata.
Iċ-ċelebrità mhux biss kellimhom u ċċajta magħhom, iżda saħansitra ddedika kanzunetti għalihom,fosthom għat-tarbija ta’ Mangion, Julia, li għad għandha biss 3 xhur.
Il-kantant iddedika Love My Life, lit-tarbija ċkejkna, u saħansitra sejjaħ lilu nnifsu bħala Uncle Robbie.
Minkejja li l-adrenalina għadha tirrenja qalb iż-żewġ persuni, li għadhom s’issa ma jistgħux jemmnu dak li ġara, ONE News, tkellem magħhom permezz ta’ kollegament telefoniku.
Is-sentiment fosthom kien wieħed ta’ gratitudni.
Dawn l-istess nies li kellhom il-kartelluni ta’ Williams mal-ħitan tagħhom, u l-lirika ta’ kull diska f’moħħhom, issa raw xejra oħra tal-artist.
Qalulna li saru jħobbuh iżjed minn qatt qabel, għall-mod kif imur ma’ dawk li jammirawh, minkejja li ilhom isegwuh minn meta kien parti mill-band Take That.
Fil-fatt, Mangion, qal li jixtieq li bintu tkun tista’ tara lil dan l-artist.
Żied jgħid li minn dejjem kien xtaq imur jarah barra minn xtutna, iżda ċ-ċirkostanzi qatt ma ppermettew.
Qal, “Il-fatt li Robbie Williams iddedika lit-tifla tiegħi, kienet xi ħaġa emozzjonali ħafna, għall-aħħar. Ilni nsegwih minn meta kelli tnax, tlettax-il sena. U darba kienet tatni, filmat ta’ kunċert tiegħu ħabiba tiegħi u kien impressjonani l-mod kif kapaċi, jinteraġġixxi man-nies, il-mużika tiegħu, kienet tal-widna, sabiħa, u minn dak iż-żmien bqajt insegwih. Kien mument emozzjonanti, anke l-fatt li l-kanzunetta li ddedika għaliha fiha meaning sabiħ ħafna. Nittama wkoll li fil-futur qarib, għaliex le? Jerġa’ jiġi kemm Robbie Williams, u anke artisti stabbiliti kbar tal-kalibru ta’ Robbie Williams, ġewwa pajjiżna.”
Qalet, “Jagħżel lilek, lit-tifla kont għadni kemm ngħidilha, kemm nixtieq imqar jgħaddi minn ħdejja u kont ‘the lucky one’ hux? Hija xi ħaġa li kull fan jixtieq. 27 sena. Kelli l-kamra tiegħi kollha posters, żmien it-Take That. Bqajt nsegwih. Huwa showman u jagħti kunċerti enormi. Ħolma saret realtà, qatt ma stennejtha, imma mhux li nieħu nofs ix-xow. Emminni, għadni lanqas irrid nemmen. Anke t-tgħanniqa tiegħu tant kienet ġenwina, u ġie f’widnejja qalli ‘I love you’, qisni ilni nafu. Sirt inħobbu aktar, jaf jagħti pjaċir lill-fans.”
Ix-xewqa tagħhom hija waħda. Li Williams, magħruf mal-erbat ibnadi tad-dinja bħala ‘showman’, jerġa’ jagħti spettaklu f’pajjiżna.
Fost id-diski mir-repertorju tieghu, li daqq, huwa fetaħ b’ ‘Let Me Entertain You’, u għalaq bid-diska ‘Angels’. Dawk preżenti kellhom iċ-ċans ukoll jisimgħu il-kanzunetti, ‘She’s The One’, ‘Love My Life’, ‘Candy’, ‘Feel’ u ‘Rock DJ’.
Wara din is-serata li għaliha attendew mal-20,000 persuna ta’ kull età u ġenerazzjoni, permezz ta’ post fuq Facebook, Williams qal li f’Malta, huwa esperjenza wieħed mill-aktar kunċerti għal qalbu.
Huwa temm jirringrazzja lill-poplu Malti, talli laqgħu b’tant entużjażmu anke hekk kif din kienet l-ewwel darba li żar pajjiżna.
Waqt il-kunċert, Williams, mhux biss faħħar lil pajjiżna saħansitra għolla l-flokk u bies l-arma tat-tim nazzjonali tal-futbol ta’ pajjiżna.
Dan il-kunċert sar bħala parti mit-tour li qed jagħmel bl-isem ta’ XXV, biex jiċċelebra 25 sena ta’ suċċessi fil-karriera solista tiegħu.
Fuq il-palk armat huwa kanta kanzunetti mir-ripertorju b’saħħtu li għandu bi spettaklu animat anki bi grupp ta’ żeffiena u live band.