Żewġ Maltin ġew arrestati wara mandat t’arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Taljani fuq akkużi ta’ traffikar tad-droga.
Il-pulizija qalet li lbieraħ it-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali arrestat żewġt irġiel Maltin ta’ 36 u 47 sena, li kienu mfittxija mill-pulizija Taljana.
Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, ġie stabbilit fejn jgħixu u ġew arrestati fil-Mosta u fil-Furjana.
Iż-żewġt irġiel se jitressqu l-Qorti llum fin-12:30pm quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke biex jibdew il-proċeduri ta’ estradizzjoni tagħhom.