Żewġ Maltin, raġel ta’ 27 sena minn Ħal Qormi u raġel ta’ 26 sena, ġew arrestati b’rabta ma’ pornografija ta’ minorenni, wara operazzjoni internazzjonali ikkordinata mill-Europol, bħala parti mill-akbar operazzjoni li qatt saret mill-Europol fil-ġlieda kontra l-isfruttament sesswali tat-tfal online.
Din l-operazzjoni, bl-isem ta’ ‘Operation Stream’ rat is-sehem ta’ korpi minn aktar minn 35 pajjiż minn madwar id-dinja, fosthom il-Korp tal-Pulizija Malti – fejn minn 1,400 suspettat minn madwar id-dinja, ġew arrestati 79 persuna, fosthom 2 Maltin.
Fi Frar li għadda, il-Pulizija rċiviet informazzjoni mill-Europol, li żewġ Maltin allegatament xtraw u ppubblikaw materjal fuq waħda mill-akbar pjattaformi online ta’ pedofelija.
Wara li ġew identifikati ż-żewġ Maltin, f’operazzjoni konġunta internazzjonali, dawn ġew arrestati f’pajjiżna, fl-10 ta’ Marzu, u minn tfittxijiet li saru ġew sekwestrati apparat u materjal fejn jidħol sfruttament sesswali tat-tfal online.
Ir-raġel ta’ 27 sena minn Ħal Qormi tressaq il-Qorti, fejn ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li r-raġel l-ieħor, ta’ 26 sena, huwa mistenni li jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.
Permezz ta’ din l-operazzjoni ‘Operation Stream’, ġew ikkonfiskati aktar minn 3,000 apparat elettroniku minn madwar id-dinja – filwaqt li d-79 individwu li ġew arrestati, qed jiġu investigati talli qassmu materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal, fejn uħud minnhom, mhux biss tellgħu u raw filmati, iżda wkoll allegatament abbużaw mit-tfal online.
Filwaqt li din il-pjattaforma, li kien fiha madwar 72,000 filmat, u li rriżulta mill-Europol li total ta’ 1.8 miljun utent madwar id-dinja lloggjaw fuqha bejn April 2022 u Marzu 2025, issa ġiet magħluqa għal kollox.
Din hija l-istqarrija maħruġa mill-Europol: https://www.europol.europa.eu/media-press/newsroom/news/global-crackdown-kidflixmajor-child-sexual-exploitation-platform-almost-two-million-users