Monica Borg Galea u Tania Sammut ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Maġistrati ġodda biex b’hekk jingħaqdu mal-korp tal-ġudikanti ta’ pajjiżna.
Iċ-ċerimonja tal-ġurament saret l-Erbgħa waranofsinhar fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, ippreseduta mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, u fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, u l-Avukat tal-Istat Chris Soler, fost oħrajn.
F’kumment qasir li taw mumenti wara li ħalfu li jaqdu dan ir-rwol fl-aħjar interess tal-pajjiż, iż-żewġ Maġistrati ġodda tennew li se jkunu qed iservu din il-kariga b’umilta, rispett u b’mod prattiku.
Il-President ta’ Malta nnotat kif dan hu pass ieħor ’il quddiem biex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.