Żewġ linji tal-ajru Ewropej ma tħallewx jidħlu fir-Russja wara li fir-rotta tagħhom ppjanaw li jevitaw milli jtiru minn fuq il-Belarus biex jaslu Moska.
Il-linji tal-ajru Air France u Austrian Airlines kellhom iħassru t-titjiriet tagħhom wara li ġew miċħuda mir-Russja.
Diversi linji tal-ajru qed jevitaw milli jtiru minn fuq il-Belarus, f’mossa ta’ protesta għall-episodju tal-ġimgħa li għaddiet meta ajruplan tar-Ryanair ġie ordnat jinżel f’Minsk biex jiġu arrestati ġurnalist u t-tfajla tiegħu.
Huwa fatt magħruf li r-Russja hija alleat b’saħħtu tal-Belarus, u baqgħet soda fl-appoġġ tagħha lejn l-eks unjoni sovjetika u l-Gvern tal-pajjiż.
L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit qed jipprojbixxu linji tal-ajru tal-Belarus milli jtiru mit-territorju tagħhom, u qalu li mistennija jħabbru aktar sanzjonijiet, inkluż kontra l-President tal-Belarus Alexander Lukashenko u uffiċjali għolja oħra.