Il-Partit Nazzjonalista tilef żewġ Kunsilliera oħra f’lokalitajiet differenti f’temp ta’ ftit sigħat.
Doris Borg irriżenjat bħala Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fix-Xgħajra u se tibqa’ fil-Kunsill Lokali bħala Kunsilliera indipendenti filwaqt li Ivan Bartolo sar Kunsillier indipendenti fil-Kunsill ta’ Raħal Ġdid wara li ftit wara l-elezzjoni ġenerali rriżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Doris Borg, li ħarġet fuq it-tieni distrett sostniet li ġiet imwarrba mill-Partit Nazzjonalista u mitfugħa għal kollox fil-ġenb għas-skapitu ta’ kandidata oħra li ngħatat il-promozzjoni.
Borg, għalliema, qalet li dan kollu rrifletta fuq ir-riżultat elettorali li kisbet u mhux biss ġiet iddiskriminata iżda d-dinjità tagħha ġiet ikkalpestata.
“Minflok għenuni biex inkompli l-ħidma sfieqa fost in-nies, għasruni u remewni”, kitbet l-eks Kandidata Nazzjonalista li irriżenjat mill-partit ta’ Bernard Grech.
Għalhekk qalet li hi se tibqa’ Kunsilliera indipendenti fuq ix-Xgħajra biex b’hekk il-Partit Nazzjonalista issa ma għadx fadallu Kunsilliera jirrappreżentawh fil-lokalità msemmija.
B’rabta mal-kitba ta’ Doris Borg fuq facebook, Albert Buttigieg, kandidat Nazzjonalista fuq id-disa’ u l-għaxar distrett u s-Sindku Ġiljaniż qal li l-Partit Nazzjonalista tilef persuna onesta u ħabbrieka u oħrajn se jagħmlu l-istess u jirriżenjaw mill-partit ta’ Bernard Grech.
Buttigieg irrefera għal Charles Bonello, persuna qrib tal-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi u li hu mifhum li kien involut fil-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Bonello jiġi missier Bernice Bonello, kandidata oħra Nazzjonalista fit-tieni distrett u li Doris Borg implikat li ngħatat preferenza fuqha u għas-skapitu tagħha ġiet iddiskriminata.
Bernice Bonello ġiet eletta fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu favur rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Intant Ivan Bartolo ta’ Raħal Ġdid qal li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista għaliex il-partit li kien jimmilita fih ma għadux jagħrfu.