Mis-sena 2013 sa Ottubru 2015 in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin full-time żdied b’769 u ħaddiema part-time żdied 399.
In-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 560 f’Marzu 2016 minn 742 fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet. Dan ifisser titjib ta’ madwar 25 %.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo qal dan meta żar lil Meric Interiors u lil Pauliana Said, Accountancy and Tax Consultants, żewġ negożji Għawdxin.
Meric Interiors tispeċjalizza fl- interior design. Eric Mercieca, interior designer, tenna li minn disinjatur fi żmien meta s-servizz ftit kien jintalab f’Għawdex, irnexxilu jikber b’tali mod li llum sar imprenditur u aġent ta’ kumpanija kbira Taljana, Orsolini.
Pauliana Said, Accountancy and Tax Consultants ilha topera f’Għawdex mill-2011. Preżentament timpjega żewġ ħaddiema professjonali li jispeċjaliżżaw fis-servizzi relatati ma’ accounting.
Il-Ministru fakkar li n-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 560 f’Marzu 2016, minn 742 fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet. Dan ifisser titjib ta’ madwar 25 %. Din l-istatistika turi li f’dawn l-aħħar snin wieħed minn kull erbgħa persuna li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sabu impjieg. Dan huwa ta’ inkorraġġiment għax juri li l-ħidma tal-gvern favur xogħol f’Għawdex għal Għawdxin qed iseħħ.
Il-Ministru tenna l-ħtieġa li anki f’Għawdex ikun hemm aktar spażju biex kumpaniji jitħajru jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom.