Fil-Jum Internazzjonali tal-Isport għad-Determinazzjoni u l-Paċi, żewġ kumpaniji f’pajjiżna organizzaw attività li rat ħames persuni jiġru u jaqdfu lejn tlettax-il residenza bil-għan li jqajmu kuxjenza dwar l-importanza tal-isport f’ħajjitna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group u l-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta qadfu mitt kilometru, filwaqt li ċ-Chairperson u diversi diretturi ħadu sehem f’mixja.
Fost ir-residenzi li żaru kien hemm Dar Bjorn f’Ħal Qormi li tgħin persuni bl-ALS u mard newroloġiku ieħor.
Il-punt tat-tluq kien minn Casa San Paolo f’San Pawl il-Baħar u l-aħħar rotta kienet lejn Casa Arkati fil-Mosta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, Pio Vasssallo saħaq l-importanza li niċċelebraw dan il-jum biex niftakru dwar il-ħtieġa tal-isport fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Vassallo tenna, “Aħna bħala grupp nemmnu fil-paċi u qed niċċelebraw din l-attività mal-anzjani tagħna. Dorna mad-djar kollha tal-anzjani u fl-istess ħin nferrħu lill-anzjani.”
Nathalie Briffa Farrugia, li hija chairperson tal-istess kumpanija, spjegat li l-iskop ta’ dan il-jum huwa li nispiraw lil xulxin permezz tal-isport.
Briffa Farrugia qalet, “Aħna u l-anzjani u l-ħaddiema tagħna u n-nies kollha li huma parti mill-grupp tagħna, inħeġġu lil xulxin biex inkunu dejjem attivi u nagħmlu l-isport bħala xi ħaġa li tgħinna nsiru l-aqwa persuna li nistgħu nkunu għal xulxin.”