Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ kumpaniji Għawdxin, li gawdew minn fondi nazzjonali u Ewropej taħt skemi differenti, fosthom dawk imħaddmin mill-Malta Enterprise. L-istess fondi wasslu biex dawn il-kumpaniji setgħu jwettqu investimenti u jsaħħu l-operat tagħhom.
L-ewwel żjara ħadet lill-Prim Ministru fil-kumpanija Merit Precision Tools Ltd u Merit Malta Ltd fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, li tispjeċjalizza fil-manifattura ta’ għodda ta’ preċiżjoni, fost oħrajn, biex tesportahom f’aktar minn ħamsin pajjiż madwar id-dinja.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/13093604/PR250232a-1024x683.jpg)
Hawnhekk Dr Abela ltaqa’ mat-tmexxija tal-kumpanija, filwaqt li tkellem mal-ħaddiema preżenti hekk kif ġie spjegat li din il-kumpanija taħdem ukoll minn Malta biex b’hekk toffri mpjiegi ta’ kwalità kemm għall-ħaddiema Maltin u kif ukoll Għawdxin.
It-tieni żjara tal-Prim Ministru kienet f’Tabone Glass Ltd, li tinsab ukoll fix-Xewkija.
Kumpanija tal-familja, li twaqqfet 27 sena ilu u li matul iż-żmien kibret b’mod sostanzjali biex illum stabbilixxiet ruħha bħala waħda minn ta’ quddiem fl-industrija tal-manifattura tal-ħġieġ.
Dr Abela sostna s-sodisfazzjon tiegħu favur l-investiment kontinwu mill-kumpanija biex isaħħu l-operat tagħhom. Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-fondi Ewropej biex ikomplu jtejbu u jimbottaw ’il quddiem il-qasam tax-xogħol f’pajjiżna.
F’dawn iż-żjarat, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.