F’ħidma konġunta bejn żewġ Ministeri tal-Gvern tnedew żewġ pubblikazzjonijiet edukattivi għall-istudenti tar-raba’ u s-sitt sena tal-iskejjel primarji bil-għan li jixprunaw kuxjenza dwar it-trobbija tal-annimali.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Kulleġġ St. Thomas Moore f’Wied il-Għajn intqal kif dawn il-pubblikazzjonijiet se jitqassmu b’xejn fl-iskejjel primarji kollha f’Malta u Għawdex fl-iskejjel tal-istat, fl-iskejjel tal-knisja, u f’dawk indipendenti u ser ikunu wkoll disponibbli fil-libreriji pubbliċi tal-Gżejjer Maltin.
Dwar dawn il-pubblikazzjonijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li huwa importanti li l-edukazzjoni li tingħata fl-iskejjel tkun waħda ħolistika u tkopri suġġetti varji, u spjegat kif dan is-suġġett partikolari sar parti integrali mill-kurrikulu tal-istudenti fil-lezzjonijiet tagħhom tal-PSCD.
Spjegat ukoll kif grazzi għas-sistema ta’ teleskola fi żmien il-pandemija, pubblikazzjonijiet ta’ dan it-tip xorta setgħu jiġu mgħallma lill-istudenti.
Il-Ministru Caruana qalet, “Importanti ħafna għaliex inkunu nkomplu nistgħu nwasslu t-tagħlim ġewwa d-djar tagħna u allura importanti li nkomplu nsaħħu din il-pjattaforma u nestenduha.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo qal li jinsab sodisfatt ferm bil-pubblikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ kotba kif ukoll irringrazzja lill-eks Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Dr Denis Montebello u lit-tim tiegħu li ħadu ħsieb dawn il-pubblikazzjonijiet.
Il-Ministru Refalo stqarr: “Sodisfatt ferm bil-pubblikazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kotba għaliex jiena wieħed minn dawk li nemmen li huwa imporanti li tagħmel liġijiet huwa importanti ħafna wkoll li tagħmel l-enforcement imma naħseb l-ktar ħaġa importanti hija l-edukazzjoni. Li t-tfal tagħna ngħallmuhom x’jiġifieri jkollhom annimal id-dar, xi tfisser li inti titrattah tajjeb.”