L-Istitut għall-Istudji Turistiċi flimkien mal-Ministeru għat-Turiżmu niedew il-programm tal-istudji għas-sena akkademika li jmiss.
Dan se jinkludi wkoll tlieta u għoxrin kors fi 13-il programm ta’ studju li huma maqsuma f’diversi livelli.
Il-prospett jinkludi żewġ programmi akkademiċi ġodda, li huma l-ewwel tat-tip tagħhom madwar id-dinja. Dawn huma d-Diploma fl-Ivvjaġġar Favur il-Klima u l-Baċellerat tax-Xjenza fl-Immaniġġjar tas-Sigurtà tal-Għadis.
Dan hekk kif Malta tinsab fuq quddiem fil-promozzjoni tal-għadis, li huwa niċċa turistika importanti ħafna fil-gżejjer tagħna, kif ukoll fl-isfida tat-tibdil tal-klima u kif it-turiżmu jista’ jkun ta’ inqas dannu għall-klima.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech saħaq li l-programmi mnedija huma konformi mal-istrateġija globali u ta’ eċċellenza tal-ITS.
Iċ-Chairman tal-ITS Carlo Micallef qal li l-istitut qed ikompli jsaħħaħ postu hekk kif iktar minn qatt qabel qed tkun magħrufa l-importanza tat-turiżmu għall-ekonomija Maltija.
Huwa spjega: “Aħna fl-ITS qegħdin dejjem intejbu l-programmi tagħna li noffru lill-istudenti sabiex ngħollu l-livell tal-esperjenza ta’ dawk li jiġu jżuruna fil-gżejjer Maltin.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli stqarret li l-ITS għal darb’oħra wera li għandu rwol importanti fl-edukazzjoni u t-tħejjija tal-aħjar impjegati mħarrġa għall-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet: “Huwa ta’ pjaċir li l-kampus tal-ITS se jkun qed jilqa’ studenti f’żewġ dixxiplini differenti għall-ewwel darba fid-dinja. Dawn huma żewġ pilastri li għandna pjaċir li se jkollna l-opportunità li niftħu l-bibien tal-ITS f’Għawdex biex aħna niffukaw f’żewġ niċeċ ġodda li s’issa l-ebda pajjiż ma kien kapaċi jagħmilhom.”
Ritratti: MTCP