F’Malta hawn żewġ każijiet konfermati tal-varjant Omicron u dan huwa r-raġuni wara ż-żieda fil-każijiet li nstabu f’dawn l-aħħar jiem.
Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarjiet fejn intqal ukoll li n-numru ta’ każijiet fl-isptar baqa’ wieħed stabbli u li fit-Taqsima għall-Kura Intensiva hemm biss tliet persuni pożittivi għall-Covid-19.
Id-Deputat Prim Ministru qal li bħalissa m’hemmx lok għal allarm diżproporzjonat, hekk kif l-istudji juru li l-booster huwa effettiv kontra l-Omicron.
Huwa qabbel din is-sitwazzjoni preżenti ma’ dik tal-varjant Delta, fejn il-vaċċin kien kapaċi jilqa’ għall-effett tal-varjant.
Huwa serraħ ras il-poplu billi ħabbar li pajjiżna għandu biżżejjed dożi addizzjonali biex jilqa’ għall dan il-varjant u qal li sa issa huma aktar minn 182,000 persuna mlaqqmin bid-doża tal-booster.
Hawn tħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej, kull min għandu aktar minn tmintax-il sena jista’ japplika għall-booster u ħeġġeġ lill-poplu jitlaqqam billi japplika b’mod online fuq vaccin.gov.mt.