Sitt persuni oħra fiequ mill-Coronavirus f’pajjiżna, biex it-total ta’ nies imfejqa tela’ għal 413.
Minn dawn, żewġ persuni kellhom bejn 10 snin u 19-il sena. Persuna oħra li fieqet kellha bejn l-20 u d-29 sena, oħra bejn it-30 u d-39 sena, u żewġ persuni bejn l-40 u d-49 sena.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat li fl-aħħar sigħat feġġew żewġ każijiet oħra ta’ Coronavirus minn fost 1,022 test. Mindu feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna, kien hawn 486 persuna infettati bil-Coronavirus f’pajjiżna, u l-każijiet attivi bħalissa huma 68.
Fost il-każijiet il-ġodda hemm Maltija ta’ 77 sena li ma kellhiex sintomi imma rriżultat pożittiva minn test ta’ rutina li sarilha qabel appuntament li kellha l-isptar.
It-tieni każ huwa ta’ Maltija ta’ 24 sena li wkoll ma kellhiex sintomi imma ħadet lit-tifla tagħha għal test, u ġiet offrutha biex tagħmel it-test hi wkoll. Hija ħarġet pożittiva filwaqt li t-tifla ħarġet negattiva.
Minkejja dan, il-Professur Gauci fakkret li t-tfal jistgħu jkunu sors ta’ infezzjoni, allura jridu joqgħodu ’l bogħod mill-anzjani.
“It-tfal mhux qed ikunu daqshekk affettwati daqs l-adulti. Infatti, jekk tħares lejn in-numru totali ta’ każijiet li kellna fit-tfal kien ta’ 18 li proprju huwa 3.7% mit-total ta’ każijiet li kellna”, stqarret is-Supretendent tas-Saħħa.