Fl-aħħar sigħat feġġew 2 każijiet ġodda ta’ Covid-19 f’pajjiżna wara li saru 1,253 test. B’hekk sa issa f’pajjiżna kellna 465 każ pożittiv ta’ Covid-19 u b’kollox saru 2,989 test.
Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci fl-aġġornament tagħha hekk kif spjegat ukoll li fiequ 12-il persuna fosthom persuna ta’ ‘l fuq minn 90 sena.
B’hekk in-numru ta’ persuni li fiequ mill-virus jammontaw għal 351.
Preżentament f’pajjiżna hawn 110 każijiet li huma attivi.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat kif l-ewwel każ pożittiv li feġġ fl-aħħar 24 siegħa kien ta’ Sudaniż.
“Kellna raġel li huwa ta’ nazzjonalità mis-Sudan ta’ 33 sena. Dan jgħidx fil-komunità u jaħdem hawn Malta u dan kien kuntatt ta’ persuna oħra li diġà nfurmajniekhom bih li kien pożittiv qabel. Infatti kien jgħix fl-istess post ma’ dan il-persuna.”
It-tieni każ huwa ta’ Rumena ta’ disgħa u għoxrin sena u li toqgħod hawn Malta. Hija bdiet bis-sintomi fis 27 ta’ April wara uġigħ fil-muskoli. Hija ma kinitx qed tmur għax-xogħol madankollu kellha kuntatt ma’ persuni li jgħixu magħha.
L-Isptar Mater Dei hemm tliet pazjenti rikoverati fis-swali filwaqt li hemm ukoll żewġ persuni li qed jinżammu fit-taqsima tal-kura intensiva.
Il-Professur Gauci spjegat ukoll kif ġiet mnedija app li turik jekk għandekx bżonn tagħmel test għall-COVID-19.
“Persuni jkun jista’ jara x’għandu sintomi. Idaħħal dawk is-sintomi li jkun qed iħoss. Jittickja fuq lista li hemm. Din l-app tkun tista’ tara r-risk factors li persuna jista’ jkollu. Jiġifieri jekk għandekx mard kroniku jew inkella jekk persuna setax kellu kuntatt ma’ persuna ieħor li seta’ kellu s-sintomi u anke jekk inti kontx għamilt test ieħor. Abbażi ta’ dan umbagħad din l-app tkun tista’ toħroġlok risk assements u bħala outcomes tgħidlek x’għandek tagħmel.”
Il-Professur Gauci spjegat li l-pubbliku mhux se jkun obbligat jipprovdi informazzjoni personali sabiex jagħmel użu minn din l-app.
Il-pubbliku jista’ jaċċessa dan it-test fuq is-sit covid19check.gov.mt.