L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Norman Zammit bħala l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Marija, il-Gudja u lil Dun Ewkarist Zammit bħala l-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi. .
Dun Norman Zammit twieled fit-3 ta’ Awwissu 1973. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja taż-Żurrieq u fl-iskejjel sekondarji San Mikiel u l-Kulleġġ Monte Karmeli, Santa Venera. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.
Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Awwissu 2001. Dun Norman beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa fejn għal ħames snin kien viċi kappillan.
Fl-2006 nħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli u fl-2011 kappillan tal-Parroċċa tal-Imsida. Il-Parroċċa tal-Gudja tiġbor fiha madwar 3,000 persuna f’1,000 familja.
Il-kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan, Dun Ewkarist Zammit twieled is-Siġġiewi fit-23 ta’ Lulju 1980. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Santu Wistin, Pietà. Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta fejn kiseb ukoll Masters fl-Istudji Pastorali.
Ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2008. Dun Ewkarist serva bħala viċi arċipriet fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u fl-2011 inħatar kappillan u mbagħad arċipriet tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Il-Parroċċa ta’ San Sebastjan tiġbor fiha madwar 9,800 persuna f’2,740 familja.