L-Avukati u l-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Daniel Attard u Maria Sara Vella Gafà, niedew azzjoni legali kontra l-Partit Nazzjonalista wara li dan baqa’ jikser il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti u ma ppubblikax il-kontijiet finanzjarji tiegħu, inkluż id-donazzjonijiet.
Dan ġie żvelat mill-gazzetta It-Torċa, li rrapportat kif, fi protest ġudizzarju, Attard u Vella Gafà argumentaw li t-Teżorier ta’ partit politiku għandu jħejji, fost oħrajn, rapport li fih juri l-ammonti li jkunnu daħlulu f’donazzjonijiet, anki kif stabbilit fil-liġi. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat Ishmael Psaila.
Iżda l-Partit Nazzjonalista ma ppreżenta l-ebda rapport għas-snin 2021 u 2022 u għalhekk għandu jiġi ordnat iħallas sa €20,000 f’multa għal kull nuqqas, li f’dan il-każ kapaċi jilħqu l-€40,000. Dan minbarra li l-Partit fl-Oppożizzjoni naqas wkoll milli jissottometti lill-Kummissjoni Elettorali, il-kontijiet verifikati għall-istess snin. Nuqqas li għalih skont il-liġi kellha tiġi imposta multa ta’ €10,000 kull sena.
Iż-żewġ kandidati Laburisti talbu lill-Kummissjoni Elettorali biex tipproċedi skont il-liġi, tieħu azzjoni minnufih u tordna lill-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-kontijiet tiegħu u timponi l-multi imposti mil-liġi li jistgħu jilħqu s-€60,000.
Fil-protest ġudizzjarju jingħad li dan hu eżempju ieħor ċar fejn il-Partit Nazzjonalista, li jemmen u jaħseb li hu ’l fuq mil-liġi, b’ipokrezija jikkritika u jmaqdar biss fejn jaqbel lilu dwar is-saltna tad-dritt u l-governanza u ma jarax jew lanqas biss jirrikonoxxi n-nuqqasijiet tiegħu stess.
Intqal li dan hu frott l-arroganza ta’ dawk li qed imexxu lil dan il-partit, li aktar kemm jgħaddi żmien aktar tonqoslu l-kredibbiltà.
Ta’ min jinnota wkoll kif għaqdiet tal-establishment, li jriduha tal-paladini tad-demokrazija, ma raw xejn ħażin f’din l-illegalità li ilha tkarkar is-snin.