Żewġ irġiel weġġgħu gravi, f’inċident tat-traffiku li seħħ, illum għall-ħabta tal-kwarta ta’ filgħodu, fi Triq l-Ewwel Titjira f’Ħal Luqa.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Hyundai Accent misjuqa minn raġel ta’ 45 sena residenti ż-Żurrieq u Mercedes Benz C220 misjuqa minn raġel ta’ 66 sena residenti l-Gudja.
Iż-żewġ persuni ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu, filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.