Kien bidu ta’ ġimgħa traġiku għal żewġ persuni li sfortunatament tilfu ħajjithom f’żewġ inċidenti separati f’siti ta’ kostruzzjoni f’Tas-Sliema u San Ġiljan.
L-ewwel diżgrazzja seħħet għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħodu meta numru ta’ ħaddiema li kienu dieħlin għax-xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Dingli f’Tas-Sliema nnutaw ġuvni bla ħajja f’ħofra fonda madwar erba’ sulari.
Immedjatament fuq il-post intalbet l-għajuna tal-Pulizija flimkien ma’ tim mediku mill-Isptar Mater Dei u tim ta’ ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.
Minħabba li r-raġel waqa’ f’post mhux aċċessibbli, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili mit-taqsima tal-USAR kellhom jinżlu ħdejh permezz tal-ħbula u makkinarju tal-kostruzzjoni. Ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-tobba tal-emerġenza Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin.
Għal xi ħin ir-raġel x’aktarx barrani ma setax jiġi identifikat hekk kif fuq persuntu ma nstabet l-ebda forma ta’ dokumentazzjoni.
It-tieni diżgrazzja seħħet għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar meta Taljan ta’ 40 sena ltaqa’ bla ħsieb mal-mewt meta waqa’ minn għoli ta’ madwar tliet sulari waqt li kien qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni li jinsab fi Triq Francis Zammit f’San Ġiljan.
Immedjatament fuq il-post mar tim mediku mill-Isptar Mater Dei flimkien ma’ membri tal-Protezzjoni Ċivili. Madankollu, tabib li mar fuq il-post mat-tim mediku ċċertifika l-vittma mejjet fuq il-post.
Dwar dawn iż-żewġ każi infetħet inkjesta mill-Maġisrat tal-Għassa bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett u mid-Dipartiment tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.