Żewġ irġiel ta’ 49 minn Santa Venera u 46 sena li jogħqod il-Fgura ġew arrestati minħabba għasafar tal-għana li mhux reġistrati u li kien hemm ċans li jinbiegħu. Dan wara li l-pulizija rċievet informazzjoni li persuni bdew jimportaw illegalment għasafar tal-għana minn Sqallija.
L-ispezzjoni tal-pulizija saret ġewwa pet shop fiż-Żejtun u fi tliet residenzi ġewwa Ħal Luqa, Santa Venera u Ħal Tarxien. F’dawn it-tfixxijiet instabu madwar 200 għasfur tal-għana li mhux irreġistrati.
L-investigazzjonijiet u t-tfixxijiet saru mill-uffiċjali tal-Administrative Law Enforcement (ALE).
L-għasafar ġew ċertifikati mill-uffiċjali tal-Wild Birds Regulation Unit, fejn dawk mhux reġistrati ngħataw il-ħelsien fil-preżenza t’uffiċjali tal-pulizija u membri tal-Bird Life.