Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b’aktar għodda biex jaqdi l-funzjoni tiegħu jsalva l-ħajjiet.
Dan hekk kif b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun ewro issa l-flotta tal-Protezzjoni Ċivili żdiedet b’żewġ high-ups.
Il-vetturi l-ġodda ngħaqdu mal-ħmistax li diġà nxtraw għal din is-sena u għandhom il-kapaċità li jġorru oġġetti ta’ piż sostanzjali li jkun diffiċli jinġarru mod ieħor.
Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila nnota li l-użu primarju ta’ dawn il-vetturi huwa f’każ ta’ maltemp jġorru siġar jew affarijiet kbar.
Huwa stqarr: “Illum qed ninawguraw żewġ high-ups li huma parti mit-tibdil tal-flotta tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. U dawn high-ups ser ikunu stazzjonati fil-‘Heavy Plant Section’, l-użu tagħom ħa jkun illi f’każ ta’ maltempata li jkollok bżonn iġġorr siġar jew billboards jew affarijiet kbar għandna l-fakultà li nistgħu nagħmlu dan u nnaqsu t-tbatija tal-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili.”
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri saħaq dwar l-importanza li d-Dipartiment ikollu l-faċilitajiet meħtieġa sabiex ikun preparat għal dak li jinqala’.
Huwa qal, “Sfortunatament, xi wħud jagħrfu l-bżonn tal-Protezzjoni Ċivili meta tiġri xi ħaġa ħażina. Iżda aħna bħala Ministeru għandna l-obbligu li nkomplu nġeddu l-Protezzjoni Ċivili sabiex tkun dejjem preparata aktar għal kwalunkwe inċident li jista’ jiġri f’pajjiżna. Sabiex inkomplu ngħinu lis-soċjetà tagħna u nsalvaw il-ħajjiet. L-istampa ta’ warajja turi perfettament dak li qed nagħmlu fil-Protezzjoni Ċivili, qed inġeddu il-Protezzjoni Ċivili. Fl-istess ħin ninvestu fil-ħaddiema, fit-taħriġ tagħom u fil-kundizzjonijiet tagħhom.”
Il-Ministru Byron Camilleri qal ukoll li fejn qabel id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kien nieqes mir-riżors uman u kien jinxtara kollox antik, illum qed naraw li ninvestu fl-aqwa teknoloġija u fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema permezz tal-ewwel ftehim kollettiv wara tnejn u għoxrin sena.