Anzjan li kien passiġier f’karozza li kienet involuta f’inċident dalgħodu, sofra ġrieħi gravi. Ir-raġel ta’ 67 sena miż-Żurrieq flimkien max-xufier li huwa wkoll miż-Żurrieq u għandu 58 sena kienu f’karozza tat-tip Toyota Starlet.
Għal ħabta tat-3.15a.m., meta l-karozza kienet għaddejja minn Triq il-Qrendi direzzjoni lejn iż-Żurrieq tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla ġo ħajt ta’ dar. Ix-xufier li ndarab ħafif ukoll ittieħed l-isptar Mater Dei flimkien mal-passiġier, biex it-tnejn jirċievu l-kura medika.Sadanittant f’inċident separat ieħor li seħħ fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu żagħżugħ ta’ 28 sena weġġa’ gravi.
L-inċident seħħ fi Triq il-Buqana fir-Rabat Malta għal ħabta tal-ħamsa neqsin kwart ta’ dalgħodu. Is-sewwieq żagħżugħ mill-Fgura kien qed isuq Peugeot 306 meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u baqa’ dieħel f’ħajt tas-sejjieħ. Huwa ittieħed l-isptar biex jirċievi l-kura medika.