Żewġt irġiel Somali akkużati li serqu mobile, baqgħu jinżammu arrestati.
Mokhtar Hassan Mohammed ta’ erbgħa u tletin sena u Abdel Rashid Mohammed ta’ tmienja u għoxrin sena, li jgħixu Tas-Sliema, ġew akkużati li serqu mobile fis-sigħat bikrin tas-Sibt għad-detriment ta’ Ablie Ceesay.
Fil-Qorti ħareġ li Ceesay mar ifittex lill-akkużati biex jagħtuh il-mobile lura. Huwa ħaseb li ħadulu immigrant ieħor, bl-isem ta’ Hussein Liban Odov ta’ wieħed u għoxrin sena mis-Somalja.
Ceesay u Liban Odov kellhom argument. B’Liban Odov weġġa ħafif lil Ceesay.
Il-Pulizija rnexxielha tasal għal Mokhtar Hassan Mohammed u Abdel Rashid Mohammed u ressqithom il-Qorti, bil-Maġistrat Charmaine Galea ordnat biex jinżammu arrestati.
Tressaq il-Qorti wkoll Hussein Liban Odov. Huwa ammetta li kkaġuna ġrieħi ħfief lil Ceesay.
Il-Maġistrat Charmaine Galea ikkundannatu sentenza ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn.