Għal sena oħra, il-MaltaPost qed tniedi s-sett tal-bolol tal-Milied.
Il-Kap tal-Uffiċju Filateliku, Mary Grace Simpson, spjegat kif din is-sena, b’ differenza minn snin oħra, se joħorġu żewġ tipi ta’ bolol differenti.
“L-ewwel sett, li se joħroġ fid-29 ta’ Novembru, se jkun sett ikkulurit iddisinjat minn Fabio Agius, li huwa impjegat tal-MaltaPost, u qed naraw Santa’s Workshop. Iddeċidejna li noħorġu sett ftit stil differenti biex nappellaw anke għal ġenerazzjoni iżgħar. Imbagħad, fis-16 ta’ Diċembru, se noħorġu sett ukoll fejn qed naraw in-nattività. Dan is-sett se jkun ukoll iddisinjat minn Joseph Scerri.”
Hi qalet kif dawn il-bolol huma mfittxija ferm minn bosta, fosthom il-kolletturi tal-bolol, il-kolletturi ta’ dak kollu relatat mal-Milied, jew oħrajn li jridu jibagħtu xi kartolina b’din il-bolla.
Spjegat kif din l-użanza tal-bolol tal-Milied ilha sejra mis-sena 1964, preċiżament mill-Indipendenza ta’ pajjiżna.
“L-ewwel sett ħareġ fin-1964 u minn dak iż-żmien ’l hawn baqa’ joħroġ sett tal-Milied bi stil differenti.”
Barra minn hekk, Mary Grace Simpson semmiet ukoll li din is-sena l-MaltaPost se terġa’ tagħmel l-inizjattiva ‘Letter from Santa’.
“Din is-sena erġajna għamilna wkoll ‘Letter from Santa’, fejn il-ġenituri jew guardians tat-tfal jibagħtu l-formola lill-MaltaPost, fejn jibagħtulna l-ismijiet tat-tfal u l-ġugarelli li t-tfal iħobbu, li dejjem ikunu qed jistennew bil-ħerqa l-ittra ta’ Santa ġejja, li jirċevuha bil-posta.”
Din l-inizjattiva mhux maħsuba biss biex tnissel tbissima fuq wiċċ it-tfal iżda anke sabiex tgħin kawża nobbli.
“Mill-qligħ li se nagħmlu fuq il-’Letter from Santa’ għandek ewro minnhom ukoll li se tkun donation għall-Inspire Foundation.”
Intant, id-donazzjoni ta’ ewro minn kull applikazzjoni se tiġi rduppjata mill-MaltaPost u tingħata b’risq l-Inspire.