• Il-grupp ta’ Busuttil dieħel u ħiereġ il-każin Malti
• Fl-istamperija ma jkunux konxji ta’ xi ftIehmu l-Belt
Il-grupp tal-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, qed ikompli għaddej b’kampanji li mhumiex mixtieqa mill-istrateġija li trid timplimenta t-tmexxija fid-Dar Ċentrali.
L-għan jibqa’ dejjem dak li jieħdu t-tapit minn taħt saqajn il-kap attwali Adrian Delia. Il-famużi Forbidden Stories, ħafna minnhom allegazzjonijiet li diġà ħarġu u li qed ikunu biss ripetuti, tawhom il-lok li jagħmlu dan bl-iskuża li qed jiġġieldu għal kawża ġusta.
Fl-aħħar ġimgħat Simon Busuttil, David Casa, Paul Borg Olivier u Jason Azzopardi ltaqgħu kemm–il darba fil-Każin Malti, il-Belt Valletta. Magħhom iltaqgħu persuni oħra fosthom Manuel Delia u membri tas-suppost soċjetà ċivili. Saħansitra kien hemm drabi fejn deher l-Eks Prim Ministru Lawrence Gonzi anke jekk dan ma’ Busuttil kien mar fuq in-Net taparsi jappoġġja t-tmexxija preżenti tal-PN.Fost id-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dawn il-laqgħat kien hemm dik li nhar il-Ġimgħa li għadda Simon Busuttil u David Casa reġgħu marru jitolbu investigazzjoni oħra mingħand maġistrat.
Din id-darba dwar dak li ħareġ mill-Forbidden Stories anke jekk id-dettalji huma bħal dawk f’rapport inkonklussiv tal-FIAU li David Casa diġà mar bih għand il-maġistrat.
Dawn il-manuvri jdejqu bil-kbir lil dawk li jħejju l-istrateġija fl-istamperija għax kull darba li jkun hemm sejħa għal inkjesta maġisterjali kulħadd jiftakar fil-fatt li Adrian Delia għadu ma laqax l-isfida li jiftaħ inkjesta maġisterjali dwaru nnifsu. Dan wara l-allegazzjonijiet serji li għamlet dwaru Daphne Caruana Galizia. L-istess ġralu fil-Parlament din il-ġimgħa meta kien kostrett jitlob diskussjoni urġenti dwar il-Forbidden Stories biex jikkuntenta l-grupp ta’ Simon Busuttil. Imbagħad spiċċa f’diskussjoni fejn kellu joqgħod jisma’ u jiċħad l-akkużi dwaru li fakkru fihom kelliem wieħed wara l-ieħor tan-naħa tal-Gvern.