Fl-aħħar jiem żewġ gruppi ta’ immigranti minn Malta ġew rilokati lejn il-Finlandja u r-Rumanija sabiex ikomplu bil-proċess tal-ażil tagħhom f’dawn il-pajjiżi.
Dawn ir-rilokazzjonijiet lejn stati membri oħra saru wara t-talbiet tal-Gvern Malti għal tqassim tar-responsabbiltà tal-immigrazzjoni irregolari u b’kordinament sħiħ mal-Kummissjoni Ewropea.
Il-ħidma fuq dawn l-inizjattivi saret minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi flimkien mal-kontropartijiet tagħhom mill-istati membri l-oħra.
Fi stqarrija l-Gvern qal li sal-aħħar ta’ din is-sena, aktar immigranti huma maħsuba li jħallu Malta lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern fakkar li din il-ħidma tikkumplimenta inizjattivi oħra fil-qasam tal-immigrazzjoni irregolari, l-aktar biex jonqsu l-wasliet ta’ immigranti irregolari f’pajjiżna.
Il-Ministeru għall-Intern beda wkoll jaħdem fuq it-twaqqif ta’ taqsima iffokata fuq ir-ritorn ta’ immigranti irregolari hekk kif imħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla.
It-trasferimenti tal-immigranti u l-preparazzjoni meħtieġa ġew kofinanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni.