Bidu mill-aqwa għal Maċedonja hekk kif fl-ewwel azzjoni perikoluża irnexxilhom jmorru fil-vantaġġ. Kien propju wara sitt minuti meta Enis Bardhi fil-kaxxa qassam lejn Eljif Elmas li b’xutt sabiħ irnexxilu jsib ix-xibka għal 1 – 0.
Ir-reazzjoni tat-tim Malti kienet waħda pożittiva fejn f’xi okkażżjonijiet il-Maltin irnexxilhom jinfiltraw lid-difiża avversarja iżda mhux lill-goalkeeper Damjan Shiskovski li kien attent għal kull moviment tal-plejers Maltin.
Ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima free-kick tal-captain Bardhi ġie imtajjar f’korner minn Kyrian Nwoko biex mill-korner sussegwenti l-Maċedonja irnexxilhom jerġgħu jsibu x-xibka. Il-korner kien mill-ġdid mogħti minn Bardhi u Jovan Manev bir-ras għamel l-iskor 2 – 0.
Minuta fuq il-ħin addizzjonali u l-Maċedonja għal ftit ma’ għamluwhomx tlieta iżda l-free-kick fil-baxx ta’ Enis Bardhi ġie salvat b’mod eċċelenti minn Henry Bonello.
Mal-bidu tat-tieni taqsima l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Michele Marcolini wettaq tlett sostituzzjonijiet fejn inqallaw Jodi Jones, Joseph Mbong u Bjorn Kristensen u flokhom daħlu jilgħabu Yannick Yankam, Cain Attard u Luke Montabello.
Wara żewġ minuti free-kick ta’ Teddy Teuma iżda Steve Borg ma’ laqatx tajjeb u Shiskovski salva bla wisq diffikulta.
Sekondi wara reazzjoni immedjata tal-Maċedonja bil-konklużjoni ta’ Bardhi tispiċċa ftit barra.
Fil-67 minuta l-Maċedonja mill-ġdid viċin il-gowl meta x-xutt ta’ Ezgjan Alioski spiċċa jistampa mal-lasta. Tlett minuti wara ttanta xortiħ Ryan Camenzuli bix-xutt tiegħu jagħdi għoli.
Fil-72 minuta Marcollini wettaq ir-raba sostituzzjoni meta daħal jilgħab Paul Mbong flok Kyrian Nwoko.
Minkejja li l-Maltin kellhom perjodu tajjeb fit-tieni taqsima, l-Maċedonja kienu aktar diretti u disa minuti mit-tmiem Bojan Milovski kellu l-konklużjoni tiegħu salvata tajjeb minn Bonello biex żewġ minuti wara xutt b’saħtu ta’ Pepe ġie salvat minn Shiskovski.
Minuta wara ċans tajjeb għal Malta meta mill-kross ta’ Cain Attard, Ryan Camenzuli bir-ras xeħet għoli.
Il-Ħames sostituzzjoni għal Malta ġiet affettwata fil-88 minuta meta Matthew Guillaumier ċeda postu lill-Brandon Paiber.
B’hekk Malta sofriet il-ħames telfa f’Grupp C tal-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonati Ewropej fejn s’issa min daqstant logħbiet Malta għada bla ebda punt.
Riżultat finali – Malta 0 – 2 Maċedonja Ta’ Fuq
Attendenza:- 3158
Referee: Henrik Nalbandyan (Armenja)
Ritratt: Gabriel Cassar