Valletta għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 2-1, biż-żewg goals tagħhom jaslu fl-ewwel taqsima, u dan meta lagħbu għal kważi taqsima sħiħa b’10 players. Għall-Gudja, din kienet l-ewwel partita fuq il-bank għall-coach Ludvic Bartolo, wara li ħa post il-coach Taljan Andrea Agostinelli li ħa t-tmun ta’ Benevento Calcio fis-Serie B fl-Italja. Dan sabiex għal Gudja, iddefenda l-lasti James Pisani minflok il-goalkeeper titolari, Glenn Zammit.
Kienu Valletta li ħarġu fuq l-offensiva u fl-20 minuta Federico Falcone kellu t-tentarriv tiegħu salvat minn fuq il-linja fatali minn Neil Tabone.
Iżda l-Beltin ma kellhomx jiġu mċaħħda meta minn azzjoni ta’ corner, Enmy Manuel Pena Beltre indirizza cross li sab lil Federico Falcone, li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin titkompla għal ġewwa minn CHRISTIAN GAUCI.
Tliet minuti biss wara, Valletta, irduppjaw l-iskor meta Farid Romero Zuniga tilef il-pussess tal-ballun f’tarf il-kaxxa u BRANDON PAIBER kellu x-xutt tiegħu jintemm fir-rokna tax-xibka.
Fil-50 minuta, Valletta, qalgħu daqqa ta’ ħarta meta tkeċċa għalihom permezz ta’ karta ħamra diretta il-player Niltinho wara battibekk li kellu mal-player ta’ Gudja, James Arthur.
Fid-69 minuta, Zuniga għal Gudja ttanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li ġie salvat bi bravura mill-goalkeeper Taljan ta’ Valletta, Alessandro Guarnone, li proprju f’din il-partita kien qed jirritorna bejn il-lasti Beltin, hekk kif fil-partita preċedenti kien il-goalkeeper żagħżugħ Cain Formosa li ġie utilizzat bħala goalkeeper Belti. Żewġ minuti biss wara Nicolas Navarrete dejjem għall-Gudja kellu xutt sabiħ imblukkat mid-difiża Beltija.
Dan sabiex fil-85 minuta, SAMUEL GOMES DA MATA naqqas il-marġni tal-iskor għal Gudja, permezz ta’ freekick insidjuż li ntemm fir-rokna tax-xibka, bil-ballun jaħbat mal-mimduda, qabel intemm ġewwa.
Madankollu, Valletta, komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.