F’logħba mill-isbaħ Mosta ħallew għal aħħar biex għelbu lil Zabbar 2 – 1 f’logħba li Zabbar iddominaw għal ħafna ħinijiet madankollu Mosta ġew premjati għal sforzi tagħhom fl-aħħar mumenti biex ħadu tliet punti ferm importanti.
Zabbar fetħu tajjeb u wara biss minuta logħob xutt ta’ Gambarte li Akpan salva b’diffikulta f’corner. Huma komplew fuq l-offensiva u fit-tlettax il-minuta xutt ta’ Joao Tavares salva tajjeb Akpan. Minuta wara free-kick ta’ Tavares u Keqi bid-dawra ra l-konklużjoni tiegħu tmur barra.
Zabbar komplew bl-assedju fuq il-lasti ta’ Mosta b’free-kick ta’ Keqi li Akpan mill-ġdid salva b’diffikulta f’corner.
Fis-26 minuta Zabbar għal ftit ma fetħux l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner Keqi mill-ġdid impenja lid-difiża Mostija li mill-ġdid klerjat f’corner.
Man-nofs siegħa logħob waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota ta’ Mosta meta minn cross ta’ Failla, Junior Eke minn taħt il-lasta għamel l-impossibli f’azzjoni li faċilment seta fetaħ l-iskor.
Fl-aħħar mumenti tal-ewwel taqsima konklużjoni ta’ Kone tal-Mosta tagħdi tul il-lasta bl-ebda plejer ta’ Mosta ma’ jilħaq u għalhekk l-azzjoni sfumat fix-xejn.
Ċans tad-deheb għal Zabbar fil-55 minuta meta minn azzjoni ta’ corner is-sostitut David Oliveira Souza bir-ras ra lil Sacha Cachia jsavla minfuq il-linja tal-goal.
Fit-63 minuta logħob Zabbar meritatament marru fil-vantaġġ meta cross mil-lemin, Diogo Joao Tavares b’konklużjoni għar-rokna tax-xibka tefa l-ballun fix-xibka u lil Zabbar fil-vantaġġ.
Fil-71 minuta David Oliveira Souza bir-ras mill-ġdid impenja lil Akpan li salva tajjeb.
Fil-ħin miżjud Mosta dawru r-riżultat favur tagħhom. Appena qabżu d-disgħin minuta f’azzjoni mibdija minn corner, kien Gabriel Chiemezie li irnexxilu jogħla fuq kulħadd u ddepożita l-ballun fix-xibka.
Ftit tal-ħin wara f’kontra attakk veloċi Mosta irnexxilhom jiskorjaw il-goal tar-rebħa permezz ta’ Emmanuel Prince Chibuzor bl-stess plejer jitkeċċa ftit tal-ħin wara flimkien mal-goalkeeper ta’ riserva ta’ Zabbar Justin Haber.
Fl-aħħar mumenti inqalaw diversi inċidenti fejn saħansitra kellhom jintervjenu l-pulizija fil-ground.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Diogo Tavares (Zabbar SP)