Il-konfront mistenni bejn Birkirkara u Hibernians intemm fi draw f’logħba li kienet nieqsa ħafna mill-azzjonijiet għal ħinijiet twal u li qamet fl-aħħar mumenti bil-Pawlisti jifthu l-iskor fis-86 minuta u Birkirkara jsalvaw ir-riżultat permezz ta’ penalty fil-ħin miżjud.
L-ewwel taqsima kienet ferm kwieta tant li kellna nistennew sad-29 minuta sabiex nassistu għall-ewwel azzjoni meta Rodney Antwi temm azzjoni personali b’xutt li għadda għoli fuq il-lasta tal-goaler Karkariż Zapytowski.
Tliet minuti wara reġgħu kienu Hibernians li resqu qrib permezz ta’ cross minn fuq ix-xellug ta’ Gabriel Artiles imma d-daqqa ta’ ras ta’ Artem Radchenko spiċċat għoli fuq il-lasta.
Il-logħob ftit li xejn żdid wara l-mistrieħ fejn kienu Birkirkara li resqu qrib l-ewwel fil-51 minuta iżda l-konklużjoni ta’ Alexander Satariano ġiet salvata tajjeb mill-goalkeeper Kone.
Fl-64 minuta kienu Hibernians li resqu qrib b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Artem Radchenko jgħaddi ftit barra.
Tliet minuti wara Maxuell Maia naqas li japprofitta ruħu minn żball fid-difiża ta’ Hibernians meta x-xutt tiegħu ġie mblukkat mill-goalkeeper Kone.
Hibernians resqu qrib fil-81 minuta permezz ta’ Jurgen Degabriele li x-xutt tiegħu minn pożizzjoni angolata ġie mblukkat f’corner mill-goalkeeper Zapytowski.
Iżda fil-85 minuta Hibernians fetħu l-iskor meta ż-żagħżugħ Isaiah Chukunyere li kien ilu żewġ minuti biss fil-pitch skorja ġmiel ta’ goal u poġġa lil Pawlisti fil-vantaġġ.
Birkirkara wettqu reazzjoni biex fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud ingħataw penalty meta Andrea Zammit, li dahal ukoll bħala sostitut, ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Gabriel Fernandes u l-istess Andrea Zammit ma falliex mill-11-il metru għall-goal tad-draw.
Referee: Ishmael Barbara
BOV Plejer tal-Logħba: Neil Micallef (Birkirkara FC)