Hamrun Spartans komplew bis-serje ta’ riżultati pożittivi kollha rebħ meta għelbu lil Sirens bl-iskor kbir ta’ 4-0.
Huma għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuh tal-partita, u fetħu l-iskor wara biss tliet minuti meta Ryan Camenzuli għadda tajjeb lejn Uros Duranovic li avvanza tajjeb fil-kaxxa u tefa’ l-ballun fix-xibka.
Sirens wettqu reazzjoni tajba u fil-11-il minuta, Degran Jackson indirizza cross li sab lil Frank Boateng li iżda falla milli jolqot bir-ras, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Hamrun irdoppjaw l-iskor fit-28 minuta meta Emerson Marcelina xeħet pass fit-tul lejn Luke Montabello li b’xutt mill-ewwel tefa’ l-ballun wara l-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar.
Sirens jirrispondu għal darba oħra meta fit-33 minuta Agyemang għadda tajjeb lejn Jackson, li iżda kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-minduda biex sat-tmiem l-ewwel taqsima ċ-ċampjins renjanti daħlu jistrieħu b’żewġ goals vantaġġ.
Fis-47 minuta, Sirens qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’10 players hekk kif tkeċċa għalihom Daniel Opoku wara daħla kerha fuq Seth Paintsil.
Tliet minuti wara Hamrun kienu sfortunati meta laqtu l-wieqfa meta Joseph Mbong xeħet cross lejn Roko Prsa li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat ma’ sieq il-wieqfa.
Fid-59 minuta, Hamrun skorjaw it-tielet goal meta Luke Montebello serva fuq platt tal-fidda lil Uros Duranovic li spara l-ballun fix-xibka, b’Cassar jirnexxilu jmiss ftit il-ballun iżda ma seta’ jagħmel xejn biex iċaħħad il-ballun milli jintemm fix-xib.ka, bil-Montenegrin jirreġistra doppjetta personali.
L-Ispartans issiġillaw ir-rebħa fis-87 minuta meta s-sostitut Juan Carlos Corbolan minn barra l-kaxxa tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka għal 4 – 0.
Referee: Andrea Sciriha
BOV Plejer tal-Logħba: Uros Duranovic (Hamrun S.)