Il-konfront bejn Valletta u Sliema Wanderers intemm fi draw ta’ 1-1, riżultat li pjuttost ma’ ssodisfa lil ħadd miż-żewġ timijiet, iżda wieħed meritat għall-fatt li l-logħob kien ferm bilanċjat bejn iż-żewġ naħat.
L-ewwel taqsima kienet nieqsa mill-azzjonijiet bid-difiżi pjuttost jiddominaw fuq l-attakkanti avversarja.
Valletta ħolqu l-ewwel azzjoni denja fis-7 minuta meta corner mogħti minn Brandon Paiber ġie ppanċjat kif seta’ mill-goalkeeper Slimiż Rashed Al Tumi biex finalment il-ballun reġa’ spiċċa f’corner li minnu ma rriżulta xejn.
Fl-24 minuta Daniil Kondrakov ittanta xortih b’xutt mill-bogħod ghall-Wanderers imma l-goalkeeper Belti Alessandro Guarnone salva tajjeb.
Tliet minuti wara kien Federico Falcone għal Valletta li xxuttja minn qagħda xi ftit angolata iżda Al Tumi kkontrolla mingħajr wisq diffikulta’.
Fid-29 minuta Sliema wieġbu bi freekick mogħti minn Edmond Agius iżda l-ballun għadda kemm kemm barra.
Fit-tieni taqsima l-logħba tjiebet u ż-żewġ naħat urew aktar spirtu avventuruż fil-loghob tagħhom. Sliema fetħu tajjeb u fl-ewwel minuta Gomes da Mata temm azzjoni personali b’xutt li ġie nterċettat f’corner minn difensur Belti.
Valletta wieġbu bi kross tajjeb ta’ Victor Luiz fit-53 minuta u daqqa ta’ ras tas-sostitut Ferraris li għaddiet barra.
Sliema marru fil-vantaġġ fil-55 minuta meta Geoffrey Acheampong żmarka tajjeb lil Samuel Gomes da Mata li b’xutt imkaxkar tefa’ l-ballun fix-xibka.
Fid-59 minuta Valletta resqu qrib li jġibu d-draw meta azzjoni bejn Ferraris u Cardoso spiċċat bil-goalkeeper Slimiż Al Tumi jinterċetta tajjeb biex evita l-periklu.
Biss il-Beltin skurjaw il-goal tad-draw fit-68 minuta meta Cardoso Nogueira ikkrossja ballun ferm insidjuż li d-difensur Slimiż Jean Borg fit-tentattiv li jikklerja, tefa’ l-ballun fix-xibka tieghu stess.
L-aħħar azzjoni denja waslet fil-75 minuta meta s-sostitut Slimiz Mohamed Awad kellu xutt salvat tajjeb mill-goaler Belti Guarnone.
Referee: Philip Farrugia
BOV Plejer tal-Loghba: Geoffrey Acheampong (Sliema W.)