Żewġ Għawdxin wieħed ta’ tlieta u tletin sena u ieħor ta’ tmienja u erbgħin sena, it-tnejn mix-Xagħra ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja li f’Jum il-Vitorja ħebbew għal Libjan ta’ tlieta u tletin sena fir-Rabat Għawdex.
Iż-żewġt irġiel tressqu l-qorti ta’ Għawdex mixlija fost oħrajn li heddew lil-Libjan b’oġġetti iebsin fi Pjazza San Franġisk.
Huma kienu mixlija wkoll b’attentat vjolenti fuq il-Libjan u li waqt li kienu xurbana qalu kliem oxxen fil-pubbliku u kisru l-paċi pubblika.
Ir-raġel ta’ 33 sena ġie akkużat ukoll li kellu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Pulizija, li wettaq reat waqt li kien taħt ordni operattiv ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti u li kiser Ordni ta’ Trattament meta wettaq reat fi żmien il-perjodu operattiv ta’ sentenza ta’ Trattament.
L-imputati ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet, filwaqt li nħarġet Ordni ta’ Protezzjoni temporanja fil-konfornt tal-Libjan.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur J Gauci.