Żewġ għaqdiet mhux governattivi qed jipproponu li r-refuġjati jingħataw id-dritt tal-vot.
F’rapport li fih ikkritikaw is-sistema tal-ażil f’pajjiżna, il-JRS u l-Aditus għamlu wkoll numru ta’ proposti li, fil-fehma tagħhom, huma importanti għall-ġlieda kontra r-razziżmu.
Fi kliem dawn l-għaqdiet, l-integrazzjoni totali titlob li dawn il-persuni jkunu jistgħu jivvotaw f’elezzjoni ġenerali.
Suġġeriment ieħor li għamlu hu li s-servizz pubbliku Malti ma jibqax esklużivament limitat għal persuni ta’ nazzjonalità Maltija.
Il-JRS u l-Aditus saħqu li l-Gvern għandu jintroduċi l-opportunità biex refuġjati japplikaw għal xogħlijiet ma’ entitajiet tal-gvern.
Iż-żewġ għaqdiet qalu li rapport investigattiv li għamlu dwar l-isfidi li jaffaċċjaw ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu l-ażil f’Malta sab li, minħabba n-nuqqas ta’ abbiltà fil-lingwa Ingliża u f’dik Maltija, in-nuqqas ta’ edukazzjoni bażika, id-diskriminazzjoni razzjali, u nuqqas fl-abbilitajiet relatati ma’ xogħol varju, persuni li qed ifittxu l-ażil huma limitati ħafna fejn jidħol is-suq tax-xogħol lokali.