Bħalissa, t-tinda ġganteska tal-MFCC tinsab armata b’ dak kollu li wieħed jeħtieġ sabiex jorganizza tieġ jew inkella jarma d-dar tiegħu. Dawn iż-żewġ fieri, li qabel kienu jsiru separatament, issa qed jiġu organizzati flimkien.
L-ewwel edizzjoni tal-Home and Lifestyle Fair saret is-sena l-oħra, filwaqt li l-fiera tat-tiġijiet u l-avvenimenti ilha ssir 24 sena.
L-organizzatriċi tal-fiera tat-tiġijiet, Joan Haber, stqarret li din il-fiera tixpruna negozju ġdid filwaqt li toffri pjattaforma għal negozji stabbiliti u oħrajn li għadhom jibdew.
Iċ-chairman tal-MFCC, Jeanpierre Schembri, tkellem dwar il-valur ta’ fieri bħal dawn f’dinja fejn ħafna xiri sar isir online.
Huwa qal “Anke mir-riċerka li għamilna, jidher li għalkemm hawn l-internet illum, wieħed ovjament jixtri ħafna minn fuq l-internet, għad hemm valur aġġunt, li wieħed jiġi, jiltaqa’, jara b’għajnejh, imiss il-prodott li qed jixtri.”
Preżenti għall-ftuħ tal-fiera kien hemm il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, li ddeskriva avvenimenti bħal dawn bħala ċelebrazzjoni importanti tal-ħajja.
Din il-fiera se tkun miftuħa sa għada l-Ħadd.