Wara s-suċċess miksub fl-aħħar edizzjonijiet tal-Malta International Folk Festival, l-organizzaturi Leon Promotions Malta u Euro Art Productions ħabbru li dawn is-sensiela ta’ attivitajiet se jkunu qed jerġgħu jittellgħu għall darb’oħra bejn is-27 u d-29 ta’ Settembru.
Minbarra dawk lokali, il-Malta International Folk Festival ta’ din is-sena se jieħdu sehem 12-il grupp folkloristiku internazzjonali, li se jkunu ġejjin primarjament mill-Bulgarija, l-Litwanja, is-Serbja, il-Maċedonja, il-Grecja, Ċipru, is-Slovakkja, il-Latvja u l-Estonja.
Se jiġi organizzat ukoll festival ieħor parallel fl-istess ġranet. Fil-fatt, għall-ewwel darba, se jkun qed jittella’ wkoll il-Malta International End of Summer Festival, li se jkun miftuħ għall-baned bis-sehem ta’ gruppi ta’ majorettes.
F’dan il-festival se jkunu qed jipparteċipaw gruppi mill-Italja, il-Portugall u pajjiżna.
L-organizzaturi spjegaw kif dawn l-ispettakli se jkunu qed jiġu offruti għall-pubbliku inġenerali mingħajr ħlas u se jkunu mifruxin f’numru ta’ lokalitajiet.
Ġie spjegat kif dawn iż-żewġ festivals, li jiċċelebraw il-kultura ta’ numru ta’ pajjiżi, se jkunu qed jittellgħu bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, San Pawl l-Baħar u ż-Żejtun, flimkien mas-Soċjetà Filarmonika Nazionale La Valette, li din is-sena qed tiċċelebra l-150 anniversarju mit-twaqqif.
Huma ħeġġew lill-pubbliku sabiex jzur il-midja soċjali tagħhom għall-aktar informazzjoni.